Christian Zammit

Messaġġ lir-residenti tax-Xagħra

Għażiż/a,

L-ewwelnett nispera li tinsab f'saħħtek.

Ippermettili neħodlok ftit minuti mill-ħin tiegħek.

Nassumi li smajt li fl-10 ta' Marzu li ġej għandha ssir l-elezzjoni fil-Kunsill Lokali ta' raħalna.

Nixtieq ninfurmak li bi ħsiebni nerġa' noffri l-ħin tiegħi sabiex naqdi bl-aħjar mod possibbli l-funzjonijiet u dmirijiet ta' Kunsillier.

Dawn l-ahhar ħames snin, jiena okkupajt il-kariga ta' Viċi-Sindku tax-Xagħra. Din kienet opportunita' mill-isbaħ. Kont kburi li qed naqdi rwol importanti fir-raħal. Ippruvajt bl-aħjar mod possibbli noffri l-ħiliet tiegħi, sabiex ngħolli isem raħalna; raħal li jien tant ngħożż.

Kienu ħames snin mimlija. Bdejna fuq sieq hazina meta sibna sebgħin elf Lira Maltija (Lm70,000) dejn fl-2007. Pero' bl-għaqal u bil-paċenzja, dan id-dejn u handicap finanzjarju, ikkanċellajniħ.

Ma waqafniex hemm.

Komplejna nsebbħu r-raħal bi proġetti bhal dak tal-playing field li konna sibnih miżbla fil-bidu tal-leġislatura. Għamilna anke belvederes fosthom dak fi Triq il-Knisja, għexieren ta' passaġġi fir-raba' għal bdiewa tagħna, tindif ta' widien bħal tar-Ramla, mogħdija ta' servizzi u asfaltar f'toroq bhal Triq Għonqa, Ġnien Imrik, Patri Mattew Sultana, Vestru u issa anke fil-Housing Estate ta' Triq il-Knisja, tisbiħ ta' Toroq is-Sellum u San Marzjal, sistema ta' lighting ġdid għal Vjal it-8 ta' Settembru u xogħlijiet oħra. Bi ħsiebna wkoll nibdew Triq Marsalforn li tinvolvi mijiet ta' eluf ta' Euro, u nibnu sede tal-Kunsill ġdida li tixraq lil raħalna.

Ħdimna fil-qasam taż-żgħażagħ billi offrejna u se nkomplu noffru youth exchanges, barra minn Malta. Bqajna nagħtu spinta b'mod qawwi lis-soċjetajiet mużikali, sportivi, artistiċi u kulturali tar-raħal. Il-Kunsill Lokali tax-Xagħra ħadem ħafna wkoll fil-qasam tal-anzjani biex illum għandna verament ċentru tal-anzjani attiv, u dawn jipparteċipaw fi żjarat f'Malta u anke saħansitra f'eserċizzji ta' aerobics u Pilates organizzati lilhom.

Tellajna attivatijiet kbar tal-massa li kienu ta' suċċess kbir bhal Ġgantija Alive għal darba darbtejn, Taste of Summer ħdejn l-Għar ta' Calypso u Pjazza Alive sabiex nesponu l-patrimonju rikk tar-raħal. Bnejna ġemellaġġ ġdid ma' San Michele Salentino fir-reġjun tal-Puglia fl-Italja u se nkomplu nistinkaw biex nakkwistaw fondi Ewropej sabiex insebbħu raħalna.

Kien hemm mumenti diffiċli. Ma nistax ma nsemmix id-dispjaċir tiegħi fuq ix-xogħol bil-mod li qed isir mill-Heritage Malta fuq il-Mitħna ta' Kola. Ta' disappunt hu n-nuqqas ta' kooperazzjoni li nsibu mingħand Gaia Foundation sabiex innaddfu l-bajja tar-Ramla l-Ħamra u n-nuqqas minn naħa tal-Gvern Ċentrali li jasfalta Toroq Bertrija, Liberat Grech u Vjal it-8 ta' Settembru.

Ta' dwejjaq hu l-istat disastruż tan-naħa t'isfel ta' Triq is-Sellum li jaqa' esklussivament fil-kompetenza tal-Kunsill tal-Belt Victoria. Jurtawk ukoll xi insulti minn xi ċittadini li ma jaqblux ma' xi one-way jew xi sleeping police li jkunu saru biex jiġu evitati aċċidenti stradali.

Madankollu, lest li nkompli naħdem sabiex raħalna jsir l-aqwa f'Għawdex. U dan nagħmlu għax inħobb lir-raħal u kburi b'raħalna.

Għaldaqstant jekk trid tagħmel kuntatt miegħi, sabiex toffrili pariri siewja u appoġġ matul dawn il-ġimgħat li ġejjin, nitolbok tibgħatli email fuq mail@christianzammit.eu jew iċċempilli fuq 79854296.

Grazzi bil-quddiem.

Nawguralek saħħa u sliem,

Christian